Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta 2014

Il-Ħamis 4 | Il-Ġimgħa 5 | Is-Sibt 6 Settembru 2014

L-Imsida Bastion Historic Garden, Il-Furjana, fit-8.00pm

Id-disa’ edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura f’Malta organizzat minn Inizjamed se jittella’ l-Ħamis 4, il-Ġimgħa 5, u s-Sibt 6 ta’ Settembru, fi ġnien il-Furjana magħruf bħala Msida Bastion Historic Garden. Se jieħdu sehem l-awturi Noria Adel (l-Alġerija), Clare Azzopardi (Malta), Antoine Cassar (Malta), Marc Delouze (Franza), Abdulrazak Gurnah (l-Ingilterra), WalidNabhan (Malta), BelOlid (il-Katalunja), Marlene Saliba (Malta), Peter Semolič (is-Slovenja), Giacomo Sferlazzo (Lampedusa), u Anna Szabó (l-Ungerija).

Waqt il-Festival se jkunu qed jintwerew films tal-poeżija minn Reel Festivals u film ġdid ta’ Kenneth Scicluna, Eleġija, imnebbaħ minn żewġ poeżiji ta’ Doreen Micallef. Il-film ta’ Scicluna hu sponsorjat mill-Fondazzjoni Valletta 2018. Id-dħul għas-serati kollha li jibdew fit-8:00pm huwa b’xejn u kulħadd jista’ jattendi. Jista’ jkun li ċerti xogħlijiet ikunu aktar addattati għal udjenza matura.

Tnejn mill-aħjar gruppi mużikali fix-xena Maltija, Plato’s Dream Machine (il-Ħamis) u Kantilena (il-Ġimgħa u s-Sibt) se jdoqqu kanzunetti mill-albums ġodda li nidew f’dawn l-aħħar xhur, Għera u Senduq.

L-awturi se jkunu f’Malta fl-ewwel ġimgħa ta’ Settembru biex jieħdu sehem f’laboratorju tat-traduzzjoni. Se jkunu qed jittraduċu x-xogħlijiet ta’ xulxin għal-lingwi tagħhom u jaqraw uħud mit-traduzzjonijiet waqt il-Festival. Il-Festival u l-laboratorju tat-traduzzjoni letterarja huma parti mill-inizjattiva Literature Across Frontiers, li kellha sehem importanti fit-twaqqif u l-iżvilupp annwali tal-Festival. 

Id-disa’ edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura f’Malta u l-workshop tat-traduzzjoni tal-LAF qed jittellgħu bl-għajnuna tal-Malta Arts Fund, il-Fondazzjoni Valletta 2018, ir-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, Din l-Art Ħelwa, Reel Festivals, Institut Ramon Llull, Aġenzija Żgħażagħ, l-Għaqda tal-Malti – Università, u l-iskema ‘Small Initiatives’ immexxija mill-Uffiċċju tal-Organizzazzjonijiet Volontarji.

Sibna fuq Facebook bl-isem “Malta Mediterranean Literature Festival 2014”.