Ara, inqum xħin inqum, jistgħu jkunu s-sagħtejn ta’ filgħodu, it-tlieta, l-erbgħa, is-sitta, is-sebgħa (le, ġeneralment ma nqumx fis-sebgħa, imma ħafna qabel), insomma, inqum xħin inqum inħoss partijiet minn ġismi mhux f'posthom; donnhom ikunu tħarrku ftit matul il-lejl. Kważi bi sfida. Imma, ngħid jien, dan ġismi lil min irid jisfida? Lili? U nigdem tuffieħa. Filgħodu nqum b’aptit għat-tuffieħ. Avolja suppost ma nikolx, taf int, das-suppost 14-il siegħa jew 16 li suppost nagħmlu bla ikel. Nipprova nifhem, jien u nigdem, kif ġismi sar jiddistribwixxi l-piż kif irid hu, fejn irid hu. Bla ma jistaqsi, sintendi. Dal-ġisem li suppost naf imma m’għadnix naf għax qisu m’għadux tiegħi. Għandi oħti torqod lejl sħiħ. Ngħir għaliha u ngħir għal kull min jorqod lejl sħiħ, għax jien inqum mill-inqas tlieta jew erba’ darbiet, u naf li int ukoll. U naf ukoll li qabel kien jiġik iktar ħelu l-lejl, imma issa m’għadux. Tħossu differenti lil ġismek filgħodu? It-tuffieħ tajjeb. Mhux li kien ninfexx biss fit-tuffieħ, jaħasra.
Tiftakar meta staqsejtni jekk dak li nikteb hux veru? Spiss jistaqsuhieli din. Kif naqbad inweġibha dil-mistoqsija? Jekk ngħidlek li bħalissa qed nikteb fuq ġismi mill-bogħod, qed nipprova nħares lejh mill-għoli, nerħih warajja, mitluq fuq is-sodda jew is-sufan, temminni? Narah isir ħaġa waħda minn …
Naħseb li jekk jiġri hekk, inkun mitt. U naħseb ukoll li t-tnejn li aħna ktibna dwar il-mewt xi darba jew oħra, imma t-tnejn li aħna għadna m’azzardajniex niktbu dwar mewtna. Forsi għax il-mewt xi ħaġa ’l bogħod. Fl-istess ħin ġisimna qed imut. Kuljum. Sa ma jmut qed jagħmel li jiftillu. Qed jespandi. Qed jidbiel. Qed jitqal. Qed jiħxien. Tilef kull sens ta’ sura, jekk hemm sura waħda li nistgħu nsejħulha suret il-mara. Suppost hemm xi tip ta’ sura. Imma ma nafx għax m’għadnix naf. Das-suppostijiet kollha li tefgħu fuqna, li taqluna, li ilna nġorruhom 45 sena … u kemm fadlilna nsorru u nġorru s-suriet kollha tal-mara? Dis-sura li ninsab fiha jien, tagħmel li trid hi, tħalli warajha likwidi u fdalijiet xi kultant bla kontroll. U naf li anki tiegħek. Għax m’ilux għedtli, U kemm sirna nintnu, hux? Qed ninten wisq, int ukoll? Ħarisna lejn xulxin u dħaqnieha din. Għax ejja ngħiduha, m’hemmx wisq x’tagħmel ħlief li tixxappap bit-terra jew bil-fwieħa u tagħmel pad, imma kemm-il marelli se tagħmel fwejjaħ u terer u kemm-il alla se nixtru pads? Imnalla tajjeb dat-tuffieħ, ara. Ġa kilt tnejn. Iġagħalni ninsa ftit mnejn bdejt u ’l fejn sejra f’dis-sura mbandla, mpaħpħa, xi ftit żlugata. Kont għedtli, dik vera, dik l-istorja? Għax jekk vera mela allura int tiżen 60 kilo. Xi ħaġ'hekk kont għedtli mingħalija, snin twal ilu meta konna għadna niktbu l-poeżiji flimkien, fl-istess kamra, jien naħa, int oħra. Tiftakarha dik il-kamra? Kelli mejda blu li kien għamilha missieri. Min jaf x'sar minnha u min jaf x’sar minnhom dawk is-60 kilo? Tgħid mhux se nerġa' nsibhom? Qed jiġuni l-versi ta’ poeta li konna nafuh it-tnejn li aħna dak iż-żmien … m’għadux jikteb naħseb issa, m’għadux jidher, ’qas naf x’sar minnu u ma nafx għaliex qed jiġuni f’moħħi f’dal-ħin preċiż … se ddum iżżabbab ma’ dik l-ostja Kinder, tgħid mhux se ssib ’l ommok ġo xi waħda?
Int issa m'għadekx tistaqsini jekk dak li nikteb hux veru. Għax issa taf li ma nafx kif inwieġbek. Minflok tistaqsini jekk norqodx billejl. Faċli din. Nixtieq ngħidlek li norqod ħafna, li norqod lejl sħiħ. Imma le u ma jimpurtax għax naf li int ukoll ma torqodx. Nixtieq inkun naf x’jiġri jekk ma norqod xejn xejn xejn u allura nibqa’ fil-kontroll assolut ta’ ġismi u ma nħallihx jagħmel dak li jrid. Tgħid jekk ma norqdux ġisimna jibqa' l-istess? Tistaqsini. Eżatt dak li kont qed nipprova ngħidlek. Għax donnu meta norqdu biss jazzarda jagħmel l-ewwel mossa, hux? Imm'int il-mossa tkun ġa għamiltha, u bl-ikel maqbud bejn ħalqek u l-furketta tgħidli, jien dal-vini ma nistax neħles minnhom. Tgħidli l-istorja kollha tal-vini donnhom għeruq ħoxnin ħerġin mill-art u jiggranfaw ma’ riġlejk kollha, jibqgħu telgħin ’il fuq, ’il fuq. Għalija qishom poeżija, xi trid teħles minnhom tagħmel? Xejn ma togħġbok din. Tħares lejja bl-ikrah. Għal naqra ma tgħidlix, mel’int qatt ma qrajt poeżija jew? Imma tibqa’ tiekol għax l-ikel inessi u jinżel għasel u jien, minflok, nieħu belgħa nbid … nista' nbaħħar fil-kanali vjolaskur ta' riġlejk, x'jidhirlek minn din, poeta? Togħġbok tikk'iktar mid-dehra, għax tieqaf u tniżżel il-furketta u s-sikkina. Titbissimli kemm kemm. Imma ma tkunx impressjonata. U tkompli tiekol. Ftit wara tgħidli li xi darba għad tiġi hawn, ħdejja. U jien ngħidlek li jekk tiġi nieħdok tara l-kanali kollha tal-belt, mill-eqdem sal-iġded, ngħidlek li flimkien inkunu nistgħu nitilqu 'l bogħod fuq kenura, naraw il-beraħ fejn joħodna. Ma tweġibnix.
Xi kultant narak mitlufa, distanti. Xi kultant ninqabdu f’beraħ li ma nafx kif naqbad inlissnu jew niktbu. Inħossu jaqdef fina b’ħeffa ta’ żiffa daqqa ħafifa, daqqa buffura. Dal-beraħ li ġieli nħossu anki meta nkunu ma' mejda qed nieħdu kafè, bħal dik id-darba li staqsejtni fuq l-aħħar poeżija li ktibt u ridt tkun taf jekk jien fhimtx l-int ta' ġo fiha. Għedtlek, l-int tiegħek mhux l-int tiegħi. U mela af naqrah mod ieħor. U ħassejtek titlaq, għal ftit, xi mkien, ma nafx fejn. Kellna torta tat-tuffieħ mal-kafè. Kienet tajba. Imma ħeqq, kollha zokkor. Imbagħad f’daqqa rġajt ġejt lura, Tajba għedtli istra dit-torta hux! Trid ngħidlek dwar l-int tal-poeżija? Ħassejtek l-iktar qrib tiegħi dik id-darba u ma ridtekx titlaq. Għalhekk offrejtlek wiski. Nieħu grokk, iva. Naħseb li anki lilek innifsek issorprendejt dakinhar. Dħalna d-dar. L-għażla tal-wiski dejjem kbira. Għedtli nagħżel jien. Niżel għasel. U miegħu int, u l-int, u l-poeżija. Imbagħad ma tkellimniex iktar. Sa ma jien għedtlek l-istorja tal-mara li tiekol żewġ kilos tuffieħ kuljum, u int għedtli, tgħid mhux se noqgħod skjava ta’ ġismi!
Taf li għandi dubju qattx staqsejtek jekk tħobbx it-tuffieħ … Imma naf li jekk nistaqsik, Trid nieklu t-tuffieħ u mbagħad nimxu mixja fl-għalqa fejn hemm is-siġra x-xiħa? tweġibni żgur b'poeżija. U jien nintelaq nistrieħ maz-zokk u nħallini nitperreċ fil-beraħ ta' bejni u bejnek u nitpaxxa nitgħaxxaq bil-weraq li bħalissa qed jaqa’ bil-gzuz,
nistenniek tiġi,
nistenniek tkun,
nistenniek tgħidli
li dan ġismi, sabiħ,
hekk, kif inhu.